Għall-braġoli:

4 dawriet kbar laħam taċ-ċanga, madwar 500g b’kollox

250g kapuljat tal-majjal u ċanga mħallat

2 bajdiet, imħabbtin ħafif

2 mgħaref ġobon tal-ħakk

2 mgħaref tursin frisk, imqatta’ rqiq

2 sinniet tewm, imqattgħin irqiq

½ kuċċarina paprika ffumigata

melħ u bżar mitħun frisk

mgħarfa żejt veġetali

Għall-istuffat:

2 basliet kbar, imqattgħin irqiq

4 sinniet tewm, imqattgħin

200g piżelli tal-friża (tista’ tuża wkoll friska)

3 mgħaref kunserva

200ml inbid aħmar

300ml stokk taċ-ċanga

qxur tal-lumi maħkuk

2 werqiet rand

¼ ta’ kuċċarina paprika ffumigata

¼ ta’ kuċċarina mixed spice

¼ ta’ kuċċarina msiemer tal-qronfol mitħunin

¼ ta’ kuċċarina trab tal-kannella

niskata noċemuskata maħkuka friska

melħ u bżar mitħun frisk

Metodu:

Biex tipprepara l-braġoli: Fi skutella ħallat flimkien l-ikkapuljat, il-bajd, il-ġobon, it-tursin, it-tewm u l-paprika, u melħ u bżar kemm tiggosta. Ifrex il-biċċiet taċ-ċanga ċatti u qassam it-taħlita bejniethom, mingħajr ma tasal sat-truf. Imbagħad ilwi l-ġnub ’il ġewwa u gerbeb iċ-ċanga b’kollox f’romblu. Agħlaq sew kull romblu b’toothpick. Saħħan iż-żejt f’taġen kbir fuq nar moderat u xawwat il-braġjoli mad-dawra kollha. Poġġi l-braġoli f’kazzola baxxa.

Biex tagħmel iz-zalza għall-istuffat: Fl-istess taġen żid il-basal u qalli sakemm isir trasparenti. Imbagħad żid it-tewm u qalli għal 2 minuti oħra. Żid il-kunseva u ħawwad għal 2 minuti, imbagħad ferra’ l-inbid u ħallih jinġibed ftit. Żid l-istokk u l-piżelli. Kif it-taħlita tibda tagħli, żid il-ħwawar kollha, melħ u bżar kemm tiggosta, u l-qxur taċ-ċitru maħkuk. Poġġi l-weraq tar-rand fuq il-braġjoli, imbagħad ferra’ z-zalza fuq kollox fil-kazzola. Il-braġoli għandhom ikunu mgħarrqin fiz-zalza.

Għatti l-kazzola u poġġiha fuq nar moderat sakemm l-istuffat jiftaħ jagħli, imbagħad baxxi n-nar għal bati u ħallih itektek għal bejn siegħa u kwart u siegħa u nofs. Kull tant ħin ċaqlaq ftit il-braġjoli mill-qiegħ u dawwarhom biex ma jeħlux. Jekk tara li z-zalza qed tixxotta wisq żidha ftit misħun, u jekk f’nofs sajran tkun immerrqa żżejjed ħalli l-għatu tal-kazzola mbexxaq.

Goodfoodeveryday jixxandar fuq Smash TV

Advertisements